PREMJU GĦALL-ĠURNALISTI 2007
Kompetizzjoni ma’ l-UE kollha fuq id-diskriminazzjoni u d-diversità miftuħa għall-ġurnalisti ta’ istampa u online
Il-Premju ta’ l-2007 għall-Ġurnalisti “Ngħożżu d-Diversità. Diskriminazzjoni Qatt.” jingħata mill-Unjoni Ewropea sabiex tonora ġurnalisti li bix-xogħol tagħhom jikkontribwixxu għal fehma pubblika aħjar tad-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-soċjetà. Ġurnalisti ta’ l-Istampa u online fis-27 Stat Membru ta’ l-UE huma mitluba jissottomettu artikli dwar suġġetti ta’ diskriminazzjoni jew ta’ diversità għal raġunijiet ta’ razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, età, sess, diżabilità u orjentazzjoni sesswali. Il-ġurnalisti huma mħeġġa b’mod partikolari li jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjoni ta’ diversità fix-xogħol u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet varji.
Professjonisti tal-mezzi tax-xandir u esperti kontra d-diskriminazzjoni sejrin jagħżlu 27 rebbieħ tal-premjijiet nazzjonali. Ġurija ta’ l-UE mbagħad tagħżel tliet rebbieħa tal-premju mill-UE kollha. Is-sottomissjonijiet se jkunu ġġudikati skond il-valur ta’ l-aħbar, ir-rilevanza, il-kumplessità tar-riċerka u t-tħejjija, l-oriġinalità, il-kreattività, u wkoll skond is-sinifikat tagħhom għall-pubbliku.
