ENTRY FORM




Il-Premju għall-Ġurnalisti

Illum il-ġurnata, meta daħal fis-sitt sena tiegħu, il-Premju jonora lill-ġurnalisti li jirrapportaw l-artikli tagħhom fuq l-internet jew fil-gazzetti u rivisti fl-UE li, permezz tal-ħidma tagħhom, jikkontribwixxu għal fehim pubbliku aħjar tal-benefiċċji tad-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal ġurnalisti li jiktbu dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-età, diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali. L-artikli kollha li jiġu sottomessi għandhom ikunu ppubblikati f’sede ta’ pubblikazzjoni tal-midja stampata jew fuq l-internet li jkollha l-uffiċċju editorjali prinċipali tagħha f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE.

B’antiċipazzjoni għas- Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-kompetizzjoni ta’ din is-sena tinkludi premju speċjali għal artikli li jiddeskrivu kif id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-raġunijiet imsemmija fuq tista’ twassal għall-faqar. Il-ġurnalisti huma mistiedna wkoll jissottomettu applikazzjonijiet għal din il-kategorija speċjali li tesplora kif il-faqar jista’ jwassal għad-diskriminazzjoni.



Il-kampanja “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.”

Il-Premju għall-Ġurnalisti huwa attività ewlenija tal-kampanja ta’ informazzjoni “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.” mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-kampanja taħdem fis-27 Stat Membru kollha tal-UE biex tqajjem kuxjenza dwar id-diskriminazzjoni, u l-leġiżlazzjoni li teżisti biex tikkumbattiha, kif ukoll biex tippromwovi l-benefiċċji tad-diversità.

Hija tieħu azzjoni biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika ta’ persuna fl-oqsma kollha tal-ħajja (li hija ddikjarata illegali skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, 2000) u fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fuq il-post tax-xogħol (li hija illegali grazzi għad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, 2000).

Il-kampanja hija ffinanzjata permezz ta’ PROGRESS, il-programm tal-UE għall-impjiegi u s-solidarjetà soċjali.